Ġemgħat (#7959)

Imbierek il-post, u d-dar, u l-imkien, u l-belt, u l-qalb, u l-ġebel u l-kenn, u l-għar, u l-wied, u l-art, u l-baħar, u l-gżira, u x-xagħri fejn issemma l-isem t’Alla, u merfugħ tifħirU.

-Bahá'u'lláh
-----------------------

Ġemgħat (#7960)

Inti glorifikat, O Sid Alla tiegħi! Nitolbok f’ġieh l-irjieħ neffieħa tal-grazzja tiegħeK, u f’ġieh dawk Li huma l-Egħjun il-Jum tal-għan tiegħeK u Mkejjen is-Sebħ tal-lehma tiegħeK, biex tibgħat fuqi u fuq dawk kollha li fittxew wiċċeK dak li jidhrilhom it-tjieba tiegħeK u l-grazzja kotrana, u xieraq għal għotjieteK u għoġbateK. Imsejken u kiebi jien, O Sid tiegħi!
Għaddasni fl-oċejan tal-ġid tiegħeK; bil-għatx, ħallini nixrob mill-ilma ħaj ta’ mhabbteK- ħanina.

NitolboK, f’ġieh Innifsek u f’ġieh Dak li  Int ħtart bħala Wirja tal-Essenza tiegħeK u l-Kelma reqqija tiegħeK lil kulma jinsab fis-sema u fuq l-art, biex tiġbor flimkien il-qaddejja tiegħeK taħt il-dell tas-Siġra tal-Providenza ħlejja tiegħeK. Għinhom, immela, biex jiksbu sehemhom mill-frott tagħha, imejlu widnejhom lejn it-tħaxwix tal-weraq tagħha, u għall-ħlewwa ta’ leħen l-Għasfur li jgħanni fuq il-friegħi tagħha. Inti, fis-sewwa, l-Għajnuna fis-Saram, li Ma tistax Tintlaħaq, is-Setgħani, l-Aktar Tajjeb.

-Bahá'u'lláh
-----------------------

Ġemgħat (#7961)

O Alla tiegħi, O Alla tiegħi! Fis-sewwa, dawn il-qaddejja qed iduru lejK, jitolbu lis-saltna tal-ħniena tiegħeK. Fis-sewwa, huma miġbudin mill-qdusija tiegħeK u mkebbsin bin-nar ta’ l-imħabba tiegħeK, ifittxu l-konferma minn saltnateK tal-għaġeb, u jittamaw li jiksbu saltnateK smewija. Fis-sewwa, huma mxennqin għal inżul għotjietek, jixtiequ d-dawl mix-Xemx tar Realtà. O Sid! Agħmilhom lampi jiddu, egħliem ta’ ħniena, siġar għammiela u kwiekeb imxejxa. Halli jersqu ’l quddiem fis-servizz tiegħeK u jkunu magħqudin miegħeK bil-qofol u bl-irbit ta’ l-imħabba tiegħeK, jixxenqu għad-dwal tal-għoġba tiegħeK. O Sid! Agħmilhom egħliem ta’ tmexxija, mudelli ta’ SaltnateK li ma tintemmx, mewġ il-baħar tal-ħniena tiegħeK, mirja ta’dawl il-maestà tiegħeK. 

Fis-sewwa, Inti il-Ġeneruż. Fis-sewwa, Int il-Ħanin. Fis-sewwa, Int il-prezzjuż, il-Maħbub.

-`Abdu'l-Bahá
-----------------------

