Qtugħ (#7949)

Kemm-il qalb inġazzata, O Alla tiegħi, itkebbset bin-nar tal-Kawża tiegħeK, u kemm-il rieqed tqajjem mill ħlewwa tal-leħen tiegħeK. Kemm huma l-barranin li fittxew il-kenn taħt id-dell tas-siġra ta’ waħdaneK, u kemm kotrana dawk bil-għatx li lehġu għall-għajn ta’ ilmijiet il-ħajja tiegħeK fil-jiem tiegħeK!

Imbierek dak li ħejja ruħu lejK, u għaġġel biex jikseb il-Għajn il-Jum ta’ dwal wiċċeK. Imbierek dak li b’imħabbtu kollha dar lejn Imkien is-Sebħ tar-Rivelazzjoni tiegħeK u r-Ras il-Għajn tal-lehma tiegħeK. Imbierek dak li ħaddem fi-triqteK dak li Inti tajtu bit-tjubija u l-għoġba tiegħeK. Imbierek dak li, fix-xenqa tuġa’ għaliK, warrab kollox barra lileK. Imbierek dak li gawda għaqda intima miegħeK, u ħeles lilu nnifsu minn kull irbit ma’ kulħadd għajr miegħeK.

Jien nitolbok, O Sid tiegħi, f’ġieh Dak  Li huwa l-Isem tiegħeK, Li, bil-qawwa ta’ setgħeteK u saħħteK, ogħla fuq ix-xefaq tal-ħabs tieghU, biex jamar għal kulħadd dak li jixraq lileK u lil tifħireK.
 
Is-setgħa tiegħeK, fis-sewwa, tiddaqqas ma’ kollox.

-Bahá'u'lláh
-----------------------

Qtugħ (#7950)

Jien ma nafx, O Alla tiegħi, x’inhu in-Nar li Inti tkebbes f’arteK. Id dinja ma tista’ qatt iddaħħan il-ħeġġa tiegħu, la l-ilma ma jitfi l-ilsna tiegħu. Il-ġnus kollha tad-dinja m’għandhomx saħħa jieqfu l-qawwa tiegħu. Kbira hija l-barka ta’dak li reseq lejh, u sema’ t-tgargir tiegħu.

Lil x’uħud, O Alla tiegħi, Inti, bil-grazzja saħħaħa tiegħeK, għenthom jersqu lejh, waqt li lil oħrajn żammejthom lura mħabba dak li wettqu idejhom fil-jiem tiegħeK. Kulmin għaġġel lejh u laħqu fil-ħeġġa tiegħu biex jgħarrex fuq ġmieleK, ħalla ħajtu fi triqteK, u tala’ għandeK, maqtugħ għal kollox minn kollox għajr minneK.

NitolboK, O Sid tiegħi, f’ġieh dan in-Nar li jħaġġeġ u jgargar fid-dinja tal-ħolqien, sabiex iċċarrat l-istarijiet li żammewni lura milli nidher quddiem it-tron tal maestà tiegħeK, u milli nieqaf fil-bieb tax-xatba tiegħeK. Amar Int għalija, O Sid tiegħi, kull ħaġa tajba li Int niżżilt fil-Ktieb tiegħeK, u tħallinix inkun imbiegħed mill-kenn tal-ħniena tiegħeK.

Setgħani Inti li tagħmel dal li jogħġboK. Inti, fis-sewwa, is-Setgħani f’Kollox, l-Aktar Ġeneruż.

-Bahá'u'lláh
-----------------------

Qtugħ (#7951)

O Sid! Jien niġi għandeK għall-kenn, u mmexxi qalbi lejn l-egħliem tiegħeK kollha.

O Sid! Sew jekk waqt il-vjaġġ jew jekk id-dar, waqt l-hieda jew ix-xogħol tiegħi, jien               inqiegħed il-fiduċja tiegħi kollha fiK.

Agħtini mela biżżejjed l-għajnuna tiegħeK sabiex inkun indipendenti minn kollox, O Int Li ma jgħaddik ħadd għall-ħniena tiegħeK!

Agħtini sehemi, O Sid, kif jogħġob lileK, u ħallini nkun kuntent b’dak kollu li amart għalija.

Tiegħek id-dritt assolut li tamar.

-The Báb
-----------------------

Qtugħ (#7952)

O Alla, Alla tiegħi! Imla għalija il-bieqja tal-firda minn kollox, u fil-ġemgħa ta’ dwaleK u għotjieteK, ferraħni bl-inbid ta’ l-imħabba lejK. Eħlisni mill-ħebb tal-passjoni u x-xewqa, kissirli l-manetti ta’ din id-dinja taħtana, iġbidni imsaħħar lejn saltnateK fuqana, u ġeddidni fost il-qaddejja b’nifsijiet qdusiteK.

O Sid, dawwalli Inti wiċċi bid-dwal ta’ għotjieteK,  ixgħelli għajnejja bil-ħars fuq l-egħliem ta’ setgħeteK li tagħleb kollox; għaxxaqli ’l qalbi bil-glorja ta’ għarfienek li jisboq kollox, ferraħli Inti ruħi bi ħbarijieteK jaħju ta’ hena kbir, O Int Sultan ta’din id-dinja u tas-Saltna fuq, O Inti Sid ta’ ħakma u setgħa, biex inkun nista’ nxerred egħliemeK u għotjieteK, u nxandar il- Kawża tiegħeK, u mmexxi Tagħlimek, u naqdi il-Liġi tiegħeK u ngħolli il-Kelma tiegħeK.

Inti, fis-sewwa, is-Setgħani, li Tagħti-Dejjem, il-Ħili, li Tista’ Kollox.

-`Abdu'l-Bahá
-----------------------

